imqabba

Nhar is-Sibt 11 ta’ Awwissu 2018 ġie fi tmiemu s-Summer Camp 2018 organizzat minn Mqabba FC Youth Nursery.  Kienu 13-il sessjoni konsekuttivi ta’ taħriġ b’differenza għat-tfal subien u bniet bejn l-4 u t-12-il sena mifruxa fuq seba’ ġimgħat. Din is-sena reġa’ kellna numru sabiħ ta’ tfal li għoġobhom iqattgħu parti mill-ħin tal-vaganzi tagħhom magħna. Dan in-numru jkompli jimla lin-Nursery bil-kuraġġ biex fil-futur jiġu organizzati Summer Camps oħrajn.  Konxji mill-fatt li l-involviment fi sports differenti sa minn età żgħira jista’ jħalli impatt pożittiv fuq l-iżvilupp fiżiku u atletiku tal-persuna, din is-sena tfassal programm similili ghal dak tas-sena ta’ qabel. Fil-fatt minbarra s-soltu taħriġ tal-futbol ġie organizzat taħriġ f’dixxiplini differenti li għal ħafna mit-tfal kienet l-ewwel esperjenza tagħhom. It-taħriġ tal-futbol kien wieħed intensiv fejn kellna anke taħriġ speċjalizzat. It-tfal kollha ngħataw attenzjoni individwali għaliex kull wieħed u waħda minnhom joffrulna sfida.

Waħda mis-sessjonijiet b’differenza kien taħriġ tal-judo. Din is-sessjoni saret bil-kollaborazzjoni ta’ Tignè Judo Club. Ma nistax ma nirringrazzjax lil Sensei Joseph Muscat għall-għajnuna kbira tiegħu. Kellna wkoll sessjoni ta’ Break Dance Hip Hop organizzata ġewwa s-sala ta’ Mqabba FC.  Grazzi kbira tmur lil Concept of Movement, b’mod partikulari lis-sur Luke Mizzi tal-impenn professjonali tagħhom waqt is-sessjoni.  Kellna wkoll taħriġ fir-rugby li kulma jmur qed jikber fil-popolarità f’pajjiżna. Attivitajiet oħrajn b’differenza kienu l-fun games kif ukoll ma setax jonqos ukoll li għal darb’oħra mmorru nipprattikaw il-beach soccer fuq ir-ramel ta’ Pretty Bay f’Birżebbuġa. Is-Summer Camp ta’ din is-sena ġie fi tmiemu b’diversi water games li kull sena jkunu mistennija mit-tfal. Ringrazzjament speċjali lis-sur Tony Cassar li provdilna l-bouncing castle għal din l-attivita’.  Dan il-programm vast niżel tajjeb mat-tfal u l-ġenituri tagħhom tant li kellna ħafna kummenti pożittivi.

Dan kollu jimla lil Mqabba FC Youth Nursery bl-enerġija li tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha għall-ġid tat-tfal u tgħinhom isiru individwi aħjar. Mqabba FC Youth Nursery temmen fit-tfal kollha li jattendu magħha u ma tħalli lil ħadd barra. Għan-Nursery tagħna, it-tfal mhumiex sempliciment numru u fil-fatt tikkonċentra l-isforzi tagħna fuq kull wieħed u waħda minnhom. L-akbar sodisfazzjon tagħna jkun meta naraw li l-ambjent sportiv u ta’ familja offrut minn Mqabba FC Youth Nursery qed iħalli impatt pożittiv fuq il-persuni li jiffrekwentawha, jiġifieri t-tfal, ġenituri, kowċis u amministraturi.

It-tfal kollha li attendew għal dan is-Summer Camp 2018 ingħataw biljett kumplimentari għall-BBQ Night li ser jiġi organizzat ġewwa l-kumpless sportiv ta’ Mqabba FC nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu 2018.

Fl-aħħar nett nixtieq nirringrazzja lill-Headcoach Michael Degiorgio kif ukoll lill-kowċis Elvin Sciberras u Jonathan Portelli għall-koordinazzjoni kif kif ukoll ringrazzjament specjali lil Benoit Azzopardi, Ian Farrugia, Clayton Sciberras, Bernard Galea u Leon Delia għall-għajnuna tagħhom waqt it-taħriġ.

Għal aktar tagħrif, ritratti u filmati wieħed jista’ jidħol fil-paġna uffiċjali ta’ Mqabba FC Youth Nursery fuq Facebook, www.facebook.com/mqabbafcyn

BBQ Night minn Mqabba FC Youth Nursery

Bhal kull sena, bħala bidu għall-istaġun 2018/2019, Mqabba FC Youth Nursery ser torganizza il-BBQ Night Annwali tagħha ħdejn il-grawnds tal-istess klabb.  Din l-attivita’ ser tiġi organizzata nhar il-Gimgħa 24 ta’ Awwissu 2018.

L-attendenza numeruza kif ukoll il-kummenti pożittivi li smajna mingħand dawk li attendew fis-snin l-imgħoddija huma ta’ sodisfazzjon u inkoraġġiment kbir sabiex b’mod volontarju inkomplu naħdmu b’risq it-tfal tagħna.  In-numru fl-attendenza qiegħed dejjem jiżdied minn sena għall-oħra u dan huwa prova ċara tas-suċċess milħuq f’dawn l-attivitajiet organizzati minn Mqabba FC Youth Nursery.

Minn hawn inħeġġeġ lilkom ġenituri u sostenituri ta’ Mqabba FC Youth Nursery sabiex tingħaqdu magħna f’din l-attivita’.  L-għajnuna u l-preżenza ta’ kulħadd hija important u ta’ sostenn għalina.

Reġistrazzjonijiet u laqgħat għall-ġenituri

Mqabba FC Youth Nursery tixtieq tinforma lill-pubbliku inġenerali li bħalissa qed jiġu aċċettati applikazzjonijiet u reġistrazzjonijiet għall-istaġun 2018/2019 għal tfal, subien u bniet, minn 3 snin ‘il fuq. It-taħriġ ġewwa Mqabba FC Youth Nursery ser jibda fil-bidu ta’ Settembru 2018 ġewwa l-Kumpless Sportiv ta’ Mqabba FC.

Qed tiġi organizzata laqgħa għall-ġenituri nhar it-Tnejn 27 ta’ Awwissu 2018 fis-6pm, fejn ser tingħata informazzjoni importanti u dettalji dwar it-taħriġ għal dan l-istaġun.  Il-laqgħa ser tkun indirizzata mill-Kumitat Amministrattiv, mill-Headcoach Michael Degiorgio u mill-kowcis rispettivi.  Il-laqgħa ser tinżamm ġewwa l-Imqabba FC Hall.

Għal aktar dettalji żuru www.mqabbafcyn.org  jew il-paġna tagħna fuq Facebook, www.facebook.com/mqabbafcyn.